Sessjoni plenarja speċjali fuq il-pandemija fl-UE

Il-Parlament Ewropew se jkollu sessjoni plenarja speċjali li waqtha se jittieħed vot dwar riżoluzzjoni fuq l-azzjoni kkordinata tal-Unjoni Ewropea kontra l-pandemija tal-coronavirus u l-konsegwenzi tagħha.

Din is-sessjoni se ssir il-Ħamis 16 u l-Ġimgħa 17 t’April fi Brussell. Id-deċiżjoni ttieħdet waqt il-Konferenza tal-Presidenti tal-partiti.

Il-mexxejja tal-gruppi wrew ukoll tħassib dwar il-miżuri ta’ emerġenza adottati riċentament fl-Ungerija, fejn il-President Viktor Orban ingħata l-poter kollu. Il-maġġoranza tal-gruppi talbu lill-President David Sassoli biex jgħaddi dan it-tħassib lill-Kummissjoni b’ittra u jitlobha tevalwa u tikkonsidra l-attivazzjoni tal-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tippermetti lill-UE tiżgura li ma jiġux imminati l-valuri fundamentali Ewropej. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia llum kiteb lill-President tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) Donald Tusk fejn talab li jsir summit urġenti virtwali tal-PPE biex tiġi diskussa l-pożizzjoni tal-partit Ungeriż Fidesz.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn