Sessjoni fuq l-inbid u pranzu mill-produtturi Guerrieri Rizzardi

Giuseppe Rizzardi, wieħed mill-produtturi magħrufa tal-inbid Guerrieri Rizzardi f’Veneto, l-Italja, dan l-aħħar żar Malta u mexxa sessjoni fuq l-inbid fil-ħanut Farsonsdirect, l-Imrieħel. Hu ospita wkoll pranzu fir-restorant de Mondion fix-Xara Palace, l-Imdina.
Is-sessjoni bdiet bl-inbejjed Valpolicella Classico u r-Ripasso Pojega ta’ Guerrieri Rizzardi, u wara dawn tqabblu maż-żewġ Amarones tagħhom – Villa Rizzardi u Calcarole – minn żewġ vintages differenti.
Għall-pranzu, ospitat minn Giuseppe u l-kokijiet ta’ de Mondion qabblu, b’mod espert, l-inbejjed ta’ Veneto ma’ għażla ta’ ikel straordinarju. Mal-Costeggiola Soave Classico ġie servut confit tal-koxox tat-tiġieġ b’ragout tal-faqqiegħ u l-qara’ ħamra. Mal-Villa Rizzardi Amarone Classico della Valpolicella sserva platt biċ-ċanga, li tħalliet imsajra ttektek, bil-ġobon talleggio u t-tursin.
Guerrieri Rizzardi hu r-riżultat tas-sħubija ta’ bejn żewġ produtturi tal-inbid Veroneżi antiki: il-Kontijiet Guerrieri, is-sidien tal-art agrikola bid-dwieli, li jmorru lura sekli sħaħ, u tal-kantini f’Bardolino, u l-Kontijiet Rizzardi li kisbu l-għelieqi tagħhom f’Negrar fl-1649, u li ftit wara bnew il-kantina storika ta’ Pojega. Fl-1913 iż-żewġ familji ngħaqdu flimkien bi żwieġ u b’hekk tnediet il-Guerrieri Rizzardi. L-ewwel tikketta tagħhom tmur lura għall-1914.
L-inbejjed Guerrieri Rizzardi huma impurtati u mqassma minn Farsons Beverage Import Company (FBIC) Limited, membru tal-Grupp Farsons.