Servizzi sigrieti inkwetati dwar Dar Malta – Le Monde; żbaljati – Il-Gvern

Christoph Schwaiger

Il-gazzetta Franċiża Le Monde qalet li s-servizzi sigrieti tal-Belġju kienu nkwetati dwar spjunaġġ li ċ-Ċina kienet qed twettaq mill-uffiċċju tar-Rappreżentanza Maltija għall-Unjoni Ewropea fi Brussell. F’reazzjoni l-Gvern qal li l-artiklu jagħmel bosta allegazzjonijiet żbaljati.

Skont Le Monde suspett dwar spjunaġġ miċ-Ċina ġie trażmess lill-awtoritajiet Belġjani fl-2010. It-taħħsib kien ġej minn proġett ta’ rinovazzjoni qabel il-ftuħ tal-ambaxxata fl-2007. Ir-rapport daħal minn servizzi sigrieti Ingliżi.

Richard Cachia Caruana qal lit-Times of Malta li r-rappurtaġġ tal-Le Monde dwar attivitajiet qabel l-2013 kien żbaljat. Cachia Caruana huwa eks Ambaxxatur Malti għall-UE.

Dar Malta nxtrat mill-Gvern Malti fl-2004 għal madwar €21 miljun. Tinsab f’post strateġiku ħafna qrib il-bini tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell.

Inbidlet 80% tal-għamara msemmija – il-Gvern

Il-Ġimgħa filgħaxija l-Gvern Malti ħareġ stqarrija dwar l-artikli tal-Le Monde.

“Il-Gvern jiċċara li x-xogħlijiet ta’ rinovazzjoni li saru lura fl-2007 fis-sit li jilqa’ fih ir-Rappreżentanza Permanenti u li saru taħt amministrazzjoni differenti, twettqu bi spiża tal-Gvern ta’ Malta, 13-il sena ilu.

 “Kienet biss l-għamara li ngħatat b’donazzjoni mill-Gvern Ċiniż biex tiġi installata u dan f’konformità mal-proċeduri relevanti ta’ sigurtà fir-Rappreżentanza Permanenti u li l-Gvern jibqa’ rikonoxxenti.

 “L-artiklu jagħmel bosta allegazzjonijiet żbaljati li dan it-tgħamir qiegħed jintuża għal raġunijiet illeċiti.

 “Il-Gvern jikkonferma li l-bini li jilqa’ fih ir-Rappreżentanza Permanenti kien soġġett għal verifiki interni u esterni u nstab li kollox kien tajjeb,” qal il-Gvern.

Intqal ukoll li fl-aħħar sentejn 80% tal-imsemmija għamara ġiet mibdula b’għamara ġdida li ġiet akkwistata minn Malta.

“Huwa importanti li jiġi ċċarat li s-sistema tas-sigurtà tar-Rappreżentanza Permanenti nbidlet u tjiebet matul dawn l-aħħar sentejn,” temm jgħid il-Gvern.