Servizz tal-ajru bejn Malta u l-Ġappun fil-qrib

Transport Malta qalet li qed issir ħidma biex fil-futur qarib ikun hawn servizz tal-ajru bejn Malta u l-Ġappun. Din il-ħidma ngħatat bidu waqt żjara fil-Ġappun minn delegazzjoni Maltija li tmexxiet mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Matulha ġie diskuss il-qafas regolatorju tas-settur tal-avjazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, fejn intqal li Malta se tkompli tibni fuq il-progress li sar f’dawn il-laqgħat.

Fost l-oħrajn Transport Malta semmiet kif Malta u l-Ġappun qablu fuq rotot li għandhom jitħaddmu mil-linji tal-ajru, numri ta’ passiġġieri, arranġamenti ta’ code-sharing, sigurtà fl-avjazzjoni u arranġamenti operazzjonali oħra.

Transport Malta iddeskriviet dawn il-laqgħat bħala pass importanti għal Malta fil-mixja tagħha biex tkattar il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-avjazzjoni.

L-industrija tal-ajru fil-Ġappun, tħaddan iktar minn miljun post tax-xogħol u tiġġenera iktar minn €70 biljun ewro fi prodott gross domestiku.

Transport Malta fakkret kif ix-xahar li għadda ġie reġistrat l-ewwel ajruplan tat-tip A380 li qed itir taħt il-bandiera Maltija.  Dan huwa l-ikbar ajruplan tal-passiġġieri fis-suq.

Intqal li Malta qed tiżviluppa f’ċentru għall-avjazzjoni, b’ qafas legali b’saħħtu u flessibli li qed tpoġġi lil Malta bħala ġurisdizzjoni ideali għar-reġistrazzjoni tal-ajruplani.