Servizz ta’ trasport b’xejn għall-anzjani f’iżjed lokalitajiet

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis ħabbar li mil-lum l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se jestnedu s-servizz ta’ trasport lokali b’xejn lill-anzjani li joqogħdu l-Imġarr, Ħad-Dingli, tal-Pietà, il-Gudja, Raħal Ġdid, il-Fgura, Ħal Tarxien u Santa Luċija.

L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tipprovdi servizz ta’ trasport lokali b’xejn lill-persuni anzjani f’diversi lokalitajiet sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-qadi tagħhom fil-komunità. Dan isservizz jopera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7am sas-2pm.

Dan it-trasport jipprovdi faċilità ta’ trasport lil dawk l-anzjani li jixtiequ jmorru postijiet bħall-bank, is-suq, il-klinika, il-kunsill lokali u diversi postijiet oħra fi ħdan il-lokalità.

Fil-preżent, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed toffri dan is-servizz fil-Baħrija, f’Burmarrad, fil-Gzira, f’Ħal Safi, fil-Mosta, fl-Imsida, fl-Imtarfa, fir-Rabat, f’Ta’ Xbiex u żŻurrieq u tirċievi madwar 500 telefonata fix-xahar minn anzjani sabiex jagħmlu użu minn dan is-servizz.

Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li bħalissa qed issir ħidma sabiex dan is-servizz jiġi estiż fuq skala nazzjonali. Barra minn hekk għaddej proċess ta’ sejħa għall-offerti (tendering) sabiex għal dan is-servizz jintużaw vetturi li jaħdmu bl-elettriku u li huma aċċessibbli wkoll għal anzjani b’diżabilità.

Persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena huma eliġibbli għal dan is-servizz. Kull min hu interessat li jibbenefika minn dan is-servizz jeħtieġ li jibbukkja mhux aktar tard minn jumejn qabel fuq in-numri 159 jew 21695544. Il-ħinijiet taċ-ċentru tat-telefonati huma mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7am sas-2pm.