​Servizz onlajn ġdid biex tapplika għall-ħaddiema li ġejjin Malta minn barra l-UE

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi Julia Farrugia Portelli qalet li sa nofs din is-sena Identity Malta se tkun qed tniedi pjattaforma ġdida onlajn biex imprendituri jkunu jistgħu japplikaw għal single permits għal ħaddiema li jkunu ġejjin Malta minn barra l-Unjoni Ewropea.
Hija qalet dan waqt il-ħames edizzjoni tal-Forum Mediterranju għat-Turiżmu, fejn spjegat li inizjattivi bħal dawn jgħinu s-settur tat-turiżmu u jżidu l-effiċjenza.
Fl-istess ħin Farrugia Portelli sostniet li s-sigurtà u d-drittijiet tal-ħaddiema se jkunu qed jingħataw attenzjoni massima biex jiġi evitat kull tip ta’ traffikar uman.
Hawnhekk semmiet it-tnedija ta’ strateġija nazzjonali kontra l-kriminalità. 
Julia Farrugia Portelli qalet li huwa stmat li sa 10 snin oħra, fl-industrija tat-turiżmu se jkun hemm bżonn mal-11,000 ħaddiem ġdid apparti dawk eżistenti. Qalet li dan ifisser li Malta mhux se jkollha biżżejjed ħaddiema Maltin biex ilaħħqu mad-domanda tax-xogħol.
"Malta saret ċentru marittimu u għall-cruises" – Ian Borg
Tkellem ukoll il-Ministru għat-Trasport Ian Borg li ffoka l-aktar fuq is-settur marittimu u t-turiżmu kostali. Qal li dan tal-aħħar wassal biex l-Ewropa issa saret it-tieni l-akbar destinazzjoni għal cruise ships fid-dinja. Il-Ministru Borg aċċenna wkoll dwar is-settur tas-super yachts li qal dejjem qed jikber, u li issa dan is-suċċess għal Malta jrid jissarraf f’iktar offerti b’valur miżjud.
"Il-mara ġabet valur miżjud fit-turiżmu" – President Coleiro Preca
Indirizzat lil dawk preżenti wkoll il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, li qalet li n-nisa qed jiksbu l-valur miżjud fl-industrija tat-turiżmu. 
Ikkwotat studju tan-Nazzjonijiet Maqgħuda li jindika li n-nisa fit-turiżmu għandhom kważi d-doppju taċ-ċans li jimpjegaw persuni oħra, meta mqabbel ma’ setturi oħra.
Bl-istess mod, fis-settur tat-turiżmu, in-nisa għandhom l-akbar opportunitajiet ta’ tmexxija. 
Fid-diskors tagħha aċċennat għal rapport ieħor li ġie pubblikat mill-Istitut tal-Paċi fl-Istati Uniti li jagħmilha ċara li fid-diversi setturi, in-nisa qed ikunu aġenti ta’ żvilupp fil-paċi. 
Il-President Coleiro Preca qalet li dan ir-rapport juri li n-nisa fl-iktar pożizzjonijiet għola, jisħqu aktar dwar il-maħfra, l-iżvilupp ekonomiku, l-edukazzjoni u l-ġustizzja.