servizz.gov bi ħsara teknika fil-Freephone 153

servizz.gov qed jesperjenza problemi tekniċi fis-sistema tat-telefonija tiegħu, jiġifieri fuq il-Freephone 153. Dan ifisser li x’uħud mill-klijenti li jċemplu 153 mhux se jirnexxielhom jaqbdu għalissa. Dan ħabbruh permezz ta’ stqarrija servizz.gov.

Hemm ukoll influss qawwi ta’ telefonati b’rabta mal-bonus addizzjonali mħabbar nhar il-Ħamis li għadda minkejja li ċ-ċekkijiet għadhom qegħdin jitqassmu bil-posta.

servizz.gov stqarr li qed jagħmel l-investigazzjonijiet meħtieġa biex il-problema teknika tissolva mill-aktar fis possibbli u l-linja tirritorna għan-normal, bl-inqas impatt fuq il-klijent.

Sadanittant, servizz.gov qal li se jibqa’ kommess li jipprovdi s-servizzi governattivi fil-qalba tal-komunità. B’mod alternattiv, il-pubbliku jista’ jikkomunika ma’ servizz.gov permezz taċ-ċentri reġjonali f’Birkirkara, il-Birgu, il-Qawra, Raħal Ġdid u Ħal Qormi; permezz tas-sit elettroniku www.servizz.gov.mt; jew permezz tal-e-mail servizz@gov.mt.