L-anzjani fil-komunità li għandhom problemi ta’ saħħa mentali jistgħu jagħmlu użu minn servizz ġdid fil-komunità. Dan is-servizz jinkludi konsultazzjoni tal-psikjatrija għall-anzjani fil-komunità għal dawk il-persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali iżda ma jistgħux joħorġu mid-dar tagħhom.
Dan is-servizz ġie mniedi mis-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis u mill-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Dr Renzo Degabriele.
Agius Decelis qal li għall-Gvern l-anzjanità attiva hija prijorità u għalhekk jinsabu impenjati li l-anzjani jkollhom sapport kontinwu fil-komunità sabiex jibbenefikaw minn kura olistika.
Dr Degabriele qal li dan is-servizz se jgħin lil dawk l-anzjani li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali u li ma jistgħux jaċċessaw dawn is-servizzi fil-komunità minħabba li ma jistgħux joħorġu minn djarhom.
Dan is-servizz ta’ konsultazzjoni se jkun qed jagħti pariri lill-professjonisti tal-CommCare u tad-Dementia Intervention Team fuq anzjani li jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali. Anzjani li ma jkunux jistgħu jagħmlu użu mis-servizz ta’ psikjatrija f’ebda entità oħra, se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz ta’ psikjatra flimkien mal-professjonisti li jkunu qed isegwu l-każ.
Kriterji ta’ eliġibbiltà:
- Anzjani li għandhom ’il fuq minn 60 sena u li qed jgħixu fil-komunità;
- Qegħdin jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali;
- Ma jistgħux joħorġu mid-dar biex jattendu kliniċi ta’ outpatients.
L-anzjani se jiġu identifikati mill-CommCare u mid-Dementia Intervention Team u se jkun qed jiġi mitlub ċertifikat mediku mingħand it-tabib tal-familja.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jaċċessa s-sit tad-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità https://activeageing.gov.mt jew iċempel fuq 2258 9393.