Servizz ġdid ta’ fast ferry bejn Malta u Sqallija

Read in English.

Fis-sajf li ġej se jibda jopera servizz ġdid ta’ fast ferry katamaran bejn Malta u Sqallija. Is-servizz se jkun qiegħed jopera kuljum bejn Malta u l-port ta’ Augusta li jinsab inqas minn 30 minuta ’l bogħod minn Katanja.

Il-katamaran li jġib l-isem ta’ HSC Artemis se jidħol fil-Port il-Kbir fil-jiem li ġejjin u se jkunu qegħdin isiru xi xogħlijiet fuqu. Fost is-servizzi offruti se jkun hemm il-possibilità ta’ club class launge.

Dan il-bastiment li għadda mir-regolamenti internazzjonali tas-saħħa u s-sigurtà u tan-navigazzjoni huwa reġistrat mal-bandeira Maltija. Il-katamaran se jkun jista’ jibda jopera bejn Malta u Sqallija matul is-sajf 2021.

Il-bastiment kien jopera fil-Gżejjer Kanarji u dan l-aħħar ġie rivedut u armat mill-ġdid minn Fred Olsen. Olsen huwa l-operatur ewlieni tal-laneċ fi Spanja li jispeċjalizza f’rotot bejn il-gżejjer permezz ta’ bastimenti ta’ veloċità għolja.

Kelliem għall-Ponte Ferries qal li huma jinsabu determinati li joffru għażla lil dawk li jkunu jixtiequ jżuru Sqallija. Żiedu li wara r-riċerka li għamlu fl-aħħar snin, jafu li dan huwa dak li jridu n-nies.

Il-Ponte Ferries huwa investiment konġunt bejn Magro Brothers Investments Ltd u Merill Invest Ltd, li s-sidien tagħha huma l-aħwa Michael u Julian Zammit Tabona u n-negozjaturi Mario Muscat u Fabio Muscat.

Il-bastiment se jkun jista’ jġorr aktar minn 717 passiġġier bejn Malta u Sqallija kif ukoll 245 karozza u 15-il trailer jew 180 karozza.