Servizz ġdid mill-Port Ħieles lejn il-Brażil u l-Arġentina

Il-Port Ħieles ħabbar servizz ġdid li se jgħaqqad lil Malta mal-Brażil u l-Arġentina u joffri opportunitajiet oħra ta’ kummerċ ma’ dawn il-pajjiż.
Fi stqarrija, il-Port Ħieles spjega s-Servizz Sirius se jibda jieqaf f’sitt portijiet fil-Brażil (Itajai, Itapoa, Itaguai, Rio Grande, Salvador u Santos) u anke f’Buenos Aires fl-Arġentina.
B’kollox, dan is-servizz li se jaħdem kull ġimgħa, se jkun qed juża tmien vapuri tal-merkanzija li huma operati minn CMA, CGM, Maersk Line u Hamburg Sud.
L-ewwel vapur mimli kontejners ħalla Malta lbieraħ filwaqt li servizz għall-kontejners li jġorru affarijiet tal-friża, se jkun disponibbli minn Diċembu.
Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-Port Ħieles, Alex Montebello, qal li l-importaturi tal-ikel se jiggwadanjaw ħafna minn dan is-servizz u spjega li bħalissa qed issir ħidma biex jiżdiedu għal 1,800 il-kontejners friża li jiflaħ it-terminal.
B’kollox, il-Port Ħieles joffri opportunitajiet ta’ kummerċ ma’ 127 port, 60 minnhom fil-Mediterran.