Servizz ġdid li se jilqa’ l-ilmenti u s-suġġerimenti dwar it-trasport pubbliku

Il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Joe Mizzi waqt żjara li għamel f’Transport Malta ħabbar li b’effett immedjat, se jitwaqqaf servizz ġdid li se jibda jilqa’ l-ilmenti u s-suġġerimenti tal-pubbliku u ta’ min huwa involut fis-settur tat-trasport pubbliku, inkluż il-ħaddiema.

Il-Ministru Mizzi kompla jgħid li l-għan tal-Gvern huwa li permezz ta’ din is-sistema, ikollu stampa ċara f’idejh dwar x’inhuma n-nuqqasijiet li hemm fis-settur u b’hekk ikunu jistgħu jitfasslu pjani, skont il-bidliet meħtieġa. Huwa spjega kif is-suġġerimenti u l-ilmenti se jiġu evalwati biex sussegwentament, ikunu jistgħu jibdew id-diskussjonijiet ma’ kull min huwa konċernat.

Waqt din iż-żjara l-Ministru Mizzi kkonferma li James Piscopo se jkun il-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ Transport Malta. Huwa ddeskriva lil Piscopo bħala persuna kompetenti ħafna li ċertament se jaħdem biex itejjeb is-servizz f’dan is-settur.