Servizz ġdid għat-turisti li jżuru s-santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu

Intleħaq ftehim bejn l-amministrazzjoni tas-Santwarju Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex u l-privat, biex minn April li ġej ikun hemm servizz ta’ ‘Audio Guide’ lit-turisti.

B’hekk issa t-turist li jżur is-Santwarju jista’ jagħmel dan fis-skiet u l-ġabra, waqt li jsir jaf aktar dwar il-ġrajja tal-Madonna Ta’ Pinu.

Il-kumpanija Explore Malta qed toffri s-servizz b’seba’ lingwi, li huma l-Malti, l-Ingliz, it-Taljan, il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ispanjol u r-Russu, bil-ħsieb li ’l quddiem jiżdiedu lingwi oħra.

Kull min jagħmel użu minn dan is-servizz ta’ audio guide huwa mitlub li jħallas €4. Bħal dejjem, id-dħul għas-Santwarju jibqa’ b’xejn.

Il-fondi li jidħlu minn dan is-servizz ta’ ‘Audio Guide’ jmorru biex jitkompla x-xogħol ta’ restawr li ilu għaddej fis-Santwarju għal dawn l-aħħar ħames snin, u biex jinbeda l-bini tal-parkeġġ u taċ-Ċentru għall-Pellegrini.