Filmati: Servizz ġdid għat-trasport pubbliku

Malta Public Transport (MPT) illum żvelaw l-inizjattiva ġdida ta’ tallinja bike, sistema ta’ kiri ta’ roti li huma mgħejjuna minn mutur żġħir ħafna biex jgħinek taqdef (pedelec bikes).

Newsbook.com.mt tkellem mal-manager ta’ MPT, Konrad Pule, dwar l-inizjattiva, fejn huwa spjega l-għan tas-sistema.

“Aħna xtaqna nżidu l-konnessjonijiet fil-Belt, li hija l-Kapital Kulturali ta’ dis-sena, sabiex tkun tista’ ddurha mingħajr ma tuża tal-linja. Tal-linja għandha l-limitazzjonijiet tagħha u b’dan is-servizz  tkun tista’ tinqeda.”

Is-servizz kif jaħdem? 

Ir-roti jinkrew minn stazzjonijiet li għandhom sistema fejn iddaħħal id-dettalji tiegħek, tagħżel kif tħallas (u tista’ tagħżel li tħallas ukoll b’tallinja card), u r-rota b’hekk tista’ tintuża. Inti mbagħad tista’ tħalliha fi stazzjon differenti milli minn fejn krejtha.

Pule spjega li għalissa bdew bi 3 stazzjonijiet, li jinsabu l-venda tal-Belt, Sant Iermu u oħra fejn titlaq il-lanċa għall-Birgu. ‘Il quddiem se jkun hemm żieda, bħal stazzjon fejn titlaq il-lanċa għal ta’ Sliema, stazzjon fiċ-ċentru tal-Belt, u stazzjoni il-Park and Ride. Però, spjega li għalissa l-inizjattiva hija maħsuba biss għal Belt Valletta.

X’inhu l-għan tas-servizz? 

Kif spjega waqt it-tnedija il-Ministru tat-Trasport Ian Borg, it-trasport pubbliku f’Malta riesaq lejn sistema ta’ intermodalità, li tfisser li tuża mezzi ta’ trasport differenti biex tasal għad-destinazzjoni tiegħek.

Il-Ministru spjega kif wieħed issa jista’ jaqbad tal-linja għall-Belt, jikri rota mill-istazzjoni tal-Belt u jinżel biha biex jaqbad il-lanċa. Huwa żied jgħid li nies li jużaw tallinja card igawdu minn tariffi irħas ta’ €1.50 għal nofs siegħa, għalkemm is-servizz xorta jista’ jintuża mingħajrha.