Servizz ġdid għal dawk f’riskju ta’ suwiċidju

L-organizzazzjoni lokali non-governattiva, Victim Support Malta, li tieħu ħsieb vittmi tal-kriminalità fuq livell emozzjonali, kif ukoll minn dak legali, se tkun qed tniedi servizz li jikkonċerna il-prevenzjoni mis-suwiċidju, kif ukoll sapport lil dawk in-nies li qed jirrikoveraw mis-suwiċidju.

Statistiċi lokali jgħidu li ġraw 289 suwiċidju f’Malta bejn l-2007 u l-2017. Jiġifieri fuq medja ta’ 25 familji sfaw vittmi u tilfu xi persuna minħabba suwiċidju. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa rrappurtat li bejn wieħed u ieħor 804,000 individwu jikkommettu suwiċidju kull sena, filwaqt li dan in-numru qed jikber kull sena. Minħabba s-sensittività tas-suġġett u n-numru ta’ dipartimenti li jiġu involuti f’każijiet bħal dawn, spiss xi każijiet jisfaw mhux rapportati.

Victim Support Malta qed taħdem sabiex flimkien ma’ Marigold Foundation, anke f’Malta ikun hawn iktar support għal dawn il-vittmi. Fil-gimgħat li ġejjin, tim speċifiku qed jiġu mħarrġa b’mod speċjalizzat sabiex sa’ Diċembru 2018 jinfetaħ dan is-servizz għal-pubbliku. It-terapija mistennija tkun qed tingħata fuq livell personali, fi grupp jew inkella għall-familji. Minn naħa l-oħra se jkun qed jiġi analizzat kull każ sabiex is-servizz ikun personalizzat għall-bżonnijiet tal-persuni li qed iffittxu l-għajnuna.

Il-pubbliku huwa mistieden jikkuntattja ma’ Victim Support Malta permezz tat-telefon, imejl jew permezz tal-midja soċjali.