Servizz estiż minn Tal-Linja għall-Karnival tan-Nadur

Is-servizz tat-Trasport Pubbliku fi tmiem il-ġimgħa li ġej se jkun estiż b'rotot addizzjonali għal kull min se jżur il-Karnival tan-Nadur.
Il-Malta Public Transport qalet li se jkun organizzat shuttle service mill-port tal-Imġarr għan-Nadur u lura fil-ħinijiet tal-iskeda tal-vapur t'Għawdex.
Barra minn dan, se jkunu qed jiżdiedu r-rotot min-Nadur għal-lokalitajiet l-oħra f'Għawdex. Ix-shuttle service se jkun qed jopera sew il-Ġimgħa 5 ta' Frar u sew l-għada s-Sibt.
Ir-rotot iż-żejda se jaħdmu bejn ir-Rabat u n-Nadur, il-Ġimgħa u s-Sibt bejn it-8pm u nofsillejl u l-Ħadd bejn it-8pm u l-11pm.
Se jkun hemm rotot apposta min-Nadur għal bosta lokalitajiet f'Għawdex fis-1am fil-lejl bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, bejn is-1:00am u s-2:30am fil-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd u fil-11pm l-Ħadd.
Il-lokalitajiet jinkludu x-Xagħra u Marsalforn; rotta li tgħaddi mir-Rabat għal Ta'Kerċem u Santa Luċija; rotta għax-Xewkija, Ta'Sannat, il-Munxar u x-Xlendi; rotta għal San Lawrenz, l-Għarb, l-Għasri u ż-Żebbuġ; rotta oħra għall-Imġarr u Għajnsielem u rotta għall-Qala.