Servizz ċentralizzat għal talbiet minn dipartimenti tal-Gvern

Mil-lum, servizz.gov.mt sar iktar faċli u aċċessibbli għall-pubbliku.
Fil-ġimgħat li għaddew, is-sit elettroniku, li jservi ta’ pjattaforma ċentralizzata li permezz tagħha individwu jista’ jibgħat talba dwar servizzi tal-Gvern, għaddiet minn bidliet bil-għan li toffri servizz aktar sempliċi lill-pubbliku.
Is-simplifikazzjoni saret fil-mod kif tirreġistra suġġeriment, ilment jew talba għall-informazzjoni.
Mil-lum, individwu jista’ mill-kumdità ta’ daru jew l-uffiċċju, jidħol fis-sit, idaħħal id-dettalji personali tiegħu, inkluż in-numru tal-Karta tal-Identità, jiddeskrivi t-talba tiegħu u jibgħat.
Is-sistema ċentralizzata taħdem flimkien ma’ Ministeri, Dipartiment, Entitajiet u Kunsilli Lokali u tkun hi li tibgħat it-talba lid-Dipartiment jew Entità konċernata.
Il-proċess ta’ simplifikazzjoni jagħmel parti mit-tiġdid li għaddej minnu s-Servizz Pubbliku bil-għan li jkun aktar effiċjenti u joffri servizz aħjar liċ-ċittadin.