“Serquli l-mutur 12-il sena ilu; bqajt nirċievi l-multi”

Raġel irrikorra għall-midja soċjali biex jilmenta dwar li 12-il sena ilu nsteraqlu l-mutur u rrapporta lill-Pulizija, u baqa’ jirċievi multi għax ma ħallasx il-liċenzja.

Fuq Facebook, Frederick Brincat qal li ma sema xejn wara li għamel ir-rapport lill-Pulizija, iżda madwar sitt snin ilu ntalab iħallas multi kbar. Stqarr li l-multi waqfu wara li ressaq bosta ilmenti lill-Transport Malta li ħadu tul ta’ żmien konsiderevoli.

Iżda għal Brincat il-gwaj ma waqafx hawn, għax meta xtara karozza second hand u ried jaqlibha f’ismu ma setax, għax ried iħallas il-liċenzja tal-mutur għal 12-il sena sħaħ kif ukoll il-multi relatati.

Brincat spjega li dam aktar minn ġimgħa jipprova jneħħi l-mutur minn fuq ismu u xorta għadu ma jistax jixtri l-karozza biex legalment tkun fuq ismu. Huwa qal li dalwaqt imur iħabbat il-bieb tal-Ministru kkonċernat.

Newsbook.com.mt ikkuntattja lil Transport Malta għal aktar dettalji dwar dan il-każ.