Serqulha oġġetti mid-dar imwaqqgħa; tgħid li l-pulizija ħaduha bil-herra

Miguela Xuereb

Waħda mir-residenti tal-blokka li parti minnha ġġarfet fi Gwardamanġa u li familtha spiċċat bla dar minħabba xogħol ta’ skavar, qalet li meta għamlet rapport lill-pulizija minħabba li nsterqu xi oġġetti ta’ valur minn darha, il-pulizija rrabjaw magħha u qalulha li qed tippretendi wisq.

Il-persuna tkellmet mal-għaqda mhux governattiva Moviment Graffiti fejn spjegat li l-peruni li qed jaħdmu biswit darha ma ġewx imfittxija jew interrogati dwar l-affarijiet li nsterqu mid-dar minħabba li l-pulizija stess ma ngħatatx l-awtorità li tagħmel dan. Skont post fuq Facebook, l-għaqda qalet li meta r-residenta marret lura fuq is-sit tal-kostruzzjoni u talbet li x-xogħol jieqaf sakemm jaslu l-pulizija, il-perit tal-qorti ċempel biex jgħidilha li hu biss għandu d-dritt li jagħti l-ordnijiet.

Skont l-għaqda, il-perit ma tħalliex jagħmel l-ispezzjonijiet li kellhom isiru fuq il-post u se jitħalla jagħmel dan għada wara li l-kuntrattur bena ħajt u tefa xi konkkos fil-blat taħt il-bini biex jgħatti x-xquq. Ir-resident qalet lill-għaqda li jidher li kollox qed isir biex min qed jagħmel il-flus ikompi jitpaxxa.

L-għaqda sostniet li jinsabu diżgustati b’dan li qed jiġri u qalu li qed issir inġustizzja mar-residenti li spiċċaw bla saqaf u li qed ikunu injorati mill-awtoritajiet.

L-UMILJAZZJONI (EN version below)Waħda mir-residenti ta’ blokka f'Gwardamanġia li spiċċaw bla dar minħabba xogħol ta’…

Posted by Moviment Graffitti on Thursday, June 27, 2019