Serqu minn dar ta’ anzjan f’siġġu tar-roti; ‘jekk titkellem naħarqulek id-dar’

CMRU

Tliet persuni baqgħu jinżammu arrestati wara li allegatament serqu €700 mid-dar ta’ raġel anzjan li jinsab f’siġġu tar-roti.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel beża’ jagħmel rapport mal-Pulizija wara li ż-żewġt irġiel u mara li daħlu jisirquh qalulu li jaħarqulu d-dar jekk jitkellem mal-Pulizija.

Raġel ta’ 42 sena miż-Żejtun, raġel ta’ 41 sena, u mara ta’ 25 sena mingħajr indirizz fiss tressqu l-Qorti fejn wieġbu li ma kinux ħatja.

Il-Pulizija qalet li saret taf bil-każ permezz ta’ rapport anonimu. Tnejn minn dawk li dehru l-Qorti ntlemħu minn kameras tas-sigurtà jidħlu fid-dar tal-anzjan.

Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ma ntlaqgħetx.