Serqet ħwejjeġ minn Tas-Sliema; ma teħlisx il-ħabs

Mara li kienet serqet xi ħwejjeġ minn Tas-Sliema se jkollha tqatta’ sena l-ħabs, wara li l-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell tagħha.

Il-mara hija Daniela Spiteri ta’ 36 sena u kienet nstabet ħatja li fl-2014 kienet daret diversi ħwienet f’Tas-Sliema u li minnhom serqet ħwejjeġ li fil-valur jammontaw għal €450.

Fil-Qorti tal-Appell, il-mara sostniet li mhux biss is-sentenza tagħha għandha tiġi irtirata, iżda wkoll li l-każ tagħha għandu jinstema’ quddiem il-Qorti tad-Droga.

Madankollu t-talba tagħha ġiet miċħuda u kkonfermat li s-sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Maġistrati, kienet waħda ġusta. Fl-istess waqt, fakkret lid-Direttur tal-Ħabs li l-mara għandha tingħata kull għajnuna sabiex tkun tista’ toħroġ mill-vizzju tad-droga.