Serqet €20 lil anzjan; tinżamm arrestata

Read in English.

Mara ta’ 48 sena tressqet il-Qorti wara li allegatament serqet €20 minn id anzjan waqt li kien ħiereġ minn ħanut tal-ħobż f’Ħal Qormi. Il-mara li għandha problema tad-droga, tinsab ukoll mingħajr saqaf fuq rasha. Hija wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha  bl-avukat tal-għajnuna legali jitlob għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni spjegat li l-mara ħatfet €20 minn id ir-raġel waqt li kien ħiereġ mill-ħanut tal-ħobż. Il-prosekuzzjoni żiedu li r-raġel prova jiġri wara l-mara bil-konsegwenza li waqa’ u weġġa’ wiċċu. Għat-talba tal-ħelsien mill-arrest il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal diversi raġunijiet fosthom li l-allegat vittma għadu ma xehedx, kif ukoll għall-fatt li l-mara kisret l-kundizzjonijiet tal-bail u kienet ilha ma tiffirma fl-għassa tal-pulizija mill-14 ta’ Awwissu.

Għaldaqstant il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest tal-mara minħabba li ma kinitx konvinta li se jkollha indirizz fiss kif ukoll minħabba l-akkużi li qed tiġi akkużata bihom.