Serqet ċrieket tat-tieġ minħabba l-vizzju tad-droga

Mara ammettiet li serqet kważi €5,000 f’ġojjellerija wara li nqabdet u kienet identifikata minn kameras tas-sigurtà.

Alexia Magro Calleja, ta’ 40 sena, instabet ħatja wara li ammettiet quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud Calleja li serqet ġojjellerija minn ħanut  minn Triq ir-Repubblika l-Belt b’total ta’ €3,000 u €1,000 oħra f’ġojjellerija minn ħanut ieħor fi Triq Sant’Anna fil-Furjana.

Il-Qorti semgħet kif fit-13 ta’ Lulju Magro Calleja daħlet f’ħanut il-Belt bi skuża li riedet tara xi ċrieket tal-engage u tat-tiġijiet. Hekk kif għaljenat lill-impjegata hija poġġiet iċ-ċrieket fil-but. Il-Qorti kompliet tisma’ kif l-għada reġgħet marret f’ħanut ieħor fil-Furjana, imma dakinhar ma kienx irnexxielha tisraq.

Madanakollu ma qatgħetx qalbha hekk kif fis-6 u 7 ta’ Awissu hija reġgħet marret fil-ħanut fil-Furjana u serqed xi pendent tad-deheb.

Id-difiża ta’ Magro Calleja argumentat li l-akkużata waslet biex wettqet dawn is-serqiet kawża tal-vizzju tad-droga, li ilha bih għal dawn l-aħħar 10 snin, bit-tama li tbiegħhom biex tixtri d-droga.

Il-Magistrat Mifsud qal li nhar it-Tnejn se jagħtiha sentenza definittiva ta’ ħabs, madanakollu sej jieħu ħsieb jara li tingħata l-għajnuna adekwata biex twaqqaf il-vizzju tad-droga.