Serqa San Pawl il-Baħar: Xebgħa lil missier, l-iben jaħrab mill-gallarija

Raġel ta’ 41 wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ serq aggravat u li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq wieħed mill-vittmi.

Il-każ seħħ fit-22 ta’ Lulju għall-ħabta tas-7pm f’residenza fi Triq is-Sajf f’San Pawl il-Baħar, meta tliet persuni daħlu f’dar bl-għan li jisirqu. Fid-dar kien hemm missier u ibnu, b’dan tal-aħħar jirnexxielu jaħrab.

Ir-raġel li allegatament huwa parti minn grupp ta’ tliet irġiel tressaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Iż-żewġt irġiel l-oħra ħarbu minn fuq il-post u s’issa l-identità għadha mhix magħrufa.

Salah Sharif li huwa mil-Libja u residenti f’San Pawl il-Baħar tressaq quddiem il-Qorti akkużat li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq persuna, b’serq aggravat, serq ta’ mowbajl, li kien f’pussess ta’ arma bil-ponta, li kkaġuna ħsara fuq propjetà ta’ terzi, li ssekwestra persuni, li hedded żewġ persuni u li kiser il-paċi pubblika.

Uffiċċjal tal-Pulizija qal lill-Qorti li t-tifel qal lill-pulizija li nstema’ “bum” u jaraw tliet irġiel fl-appartament. It-tifel qal lill-Pulizija li raġel qasir kellu sikkina f’idu. Il-missier qal lill-Pulizija li kellu xi daqqiet f’idu u daqqiet f’rasu.

L-Ispettur Godwin Scerri qal li huwa kien infurmat bil-każ dwar xi persuni li daħlu f’residenza bil-forza u aggreddixxew lil missier u lill-ibnu.

L-ispettur spjega li meta wasal fuq il-post lemaħ sinjali ta’ sgass. Spjega li fuq il-post ra ħġieġ mkisser mal-art. Filwaqt li fil-kamra tas-sodda kien hemm iktar ħġieġ, demm u taqlib li ddeskriva bħala wieħed kbir. Spjega li fil-kamra l-oħra ma kienx hemm daqstant kbir.

Scerri spjega li t-tliet irġiel qabdu lit-tifel u daħluh flimkien ma’ missieru liema kamra għandha gallarija għal barra. Kien hawn li l-irġiel talbuhom il-flus bil-forza. L-Ispettur spjega li t-tifel irnexxielu jiżgiċċa u qabez mill-gallarija għal għand il-ġirien li żammewh sakemm ġew il-Pulizija.

Sorsi qalu li l-irġiel ma serqux flus mid-dar hekk kif ma kienx hemm iżda ħadu mowbajl.

Il-missier qal lill-Pulizija Sharif jgħix ftit il-bogħod.

Il-pulizija għadha tinvestiga l-każ hekk kif l-identità taż-żewġ persuni l-oħra għadha mhix magħrufa.

Il-Pulizija qal lill-Qorti li nġabru xi filmati, u li filmat minnhom l-akkużat jidher jagħti xutt lill-bieb.

Persuni li kienu fuq il-post qalu lill-Pulizija li ż-żewġt irġiel kienu ħarbu jiġru minn fuq il-post.

L-avukat Martin Fenech għamel talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat. Sostna li huwa għandu “kondotta nadifa ħafna” u li ilu 20 sena jgħix Malta.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba minħabba li l-investigazzjoni għada għaddejja dwar iż-żewġ persuni l-oħra.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit se tkun qed tiddeċiedi dwar il-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur Godwin Scerri mexxa l-prosekuzzjoni.

L-avukat Martin Fenech deher għall-akkużat.