Fi ftit sigħat, il-Pulizija solviet serqa minn residenza ta’ anzjana fl-Imsida u arrestat mara ta’ 45 sena. Instabet ukoll il-ġojellerija li nsterqet mid-dar.
L-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo, responsabbli mis-Sitt Distrett, qalet li “minkejja l-ġranet twal sabiex ninforzaw il-liġijiet fejn tidħol il-COVID-19, ix-xogħol tagħna baqa’ għaddej. Kien ta’ pjaċir tagħna li meta l-anzjana ġiet l-għassa biex inkellmuha, rajna wiċċha jixgħel hekk kif infurmajniha li solvejna l-każ f’ħin relattivament qasir”.
Is-serqa saret ilbieraħ waranofsinhar hekk kif mara ħabtet il-bieb ta’ barra tal-anzjana ta’ 79 sena. Il-mara kienet liebsa surgical mask ma’ ħalqha u qalet lill-anzjana li qed tirrappreżenta kumpanija li tgħin lill-persuni vulnerabbli.
L-Assistent Kummissarju Mamo, qalet li minn stħarriġ li sar mill-Ispettur Jonathan Ransley, irriżulta li l-kumpanija, li semmiet il-persuna li allegatament wettqet is-serqa, ma kienet bagħtet lil ħadd għand l-anzjana.
Appellat lill-persuni vulnerabbli biex ma jiftħu lil ħadd u ma jdaħħlu lil ħadd fid-dar jekk ma jkunux qed jistennew lil xi ħadd li jafu li se jmur għandhom. Ħeġġet biex min ikollu suspett iċempel mill-ewwel lill-Pulizija.