Serqa minn ħanut f’Birkirkara

Persuna armata b’arma taqta u bil-ponta wettqet serqa minn ħanut f’Birkirkara lbieraħ filgħaxija.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għall-Pulizija li spjega li s-serqa saret fi Triq Ġużè Orlando fit-8.10pm. Il-Pulizija spjega li persuna b’wiċċha mgħammad u fil-pussess ta’ arma daħlet fil-ħanut waqt li kien hemm kaxxier ta’ 19-il sena u żewġ klijenti nisa waħda ta’ 24 u oħra ta’ 34 sena u talbet il-flus mill-cash register. Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċidenti.

Wara li serqet ammont ta’ flus kontanti, il-persuna mbagħad ħarbet minn fuq il-post permezz ta’ vettura.

Dwar il-każ infetħet inkjesta immexxija mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.