​Serqa mill-Knisja ta’ San Ġużepp fil-Kalkara

Flus u xi oġġetti oħra nsterqu mill-Knisja ta’ San Ġużepp fil-Kalkara matul il-lejl illi għadda.
Kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li huma rċivew l-ewwel rapporti dwar is-serqa għall-ħabta tas-7:15am.
Jidher li ġiet sgassata tieqa biex seħħet is-serqa.
Skont il-Pulizija, ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.
Il-Ħamis li għadda, l-Pulizija arrestat raġel li pprova jisgassa l-bieb tad-Dar Parrokjali ta’ Raħal Ġdid, x’aktarx bil-għan li jidħol jisraq il-knisja parrokjali.
F’Settembru li għadda, persuna jew persuni rnexxielhom jidħlu fil-knisja ta’ Raħal Ġdid u serqu diversi kaxex tad-donazzjonijiet.
Din is-sena wkoll kienu nsterqu għadd ta’ oġġetti mill-Knisja ta’ Bormla u f’Ottubru li għadda ħallelin serqu wkoll mill-Knisja Arċipretali taż-Żejtun.
Il-ġimgħa li għaddiet saret ukoll serqa żgħira mid-dar parrokjali ta’ Birżebbuġa.