Tkompli l-mewġa ta’ serq mill-knejjes: Issa l-Birgu

Matul il-lejl li għadda, persuna jew persuni daħlu jisirqu mill-Knisja Parrokjali ta’ San Lawrenz fil-Birgu.
Dan ifisser, li fi ftit xhur, it-tliet parroċċi tal-Kottonera, Bormla, l-Isla u anke l-Birgu, sfaw misruqa.
Newsbook.com.mt tkellem mas-sagristan tal-Birgu, Karmenu Scicluna, li spjega kif insterqet il-kaxxa tal-flus li kien hemm quddiem in-niċċa tal-Madonna ta’ Fatima u anke kaxxa oħra li fiha jitfgħu d-donazzjonijiet it-turisti.
Scicluna spjega kif induna filgħodu meta mar jiftaħ il-knisja u sab il-bieb tal-gallarija tal-orgni miftuħ.
X'aktarx li min seraq, daħal jew ħareġ minn dan il-bieb.
Għalkemm għadu mhux magħruf kemm insterqu flus, Karmenu Scicluna qal li s-serqa seħħet malajr għax mhux biss ma nsteraq xejn aktar, iżda lanqas ma ntmesset il-kaxxa tal-flus quddiem in-niċċa tal-vara titulari ta’ San Lawrenz.
Kif wieħed jistenna, din hija l-aktar kaxxa li fiha jkun hemm donazzjonijiet.
Is-sagristan spjega li wara s-serqa li kienet saret mill-Knisja ta’ Bormla, kienu tneħħew xi affarijiet li kienu fl-idejn u li setgħu faċilment jinsterqu.
Għalkemm il-knisja hija mgħammra bl-alarms u dawn immarkaw moviment, għal xi raġuni l-alarm ma faqqgħetx.
Bħalissa fuq il-post hemm il-Pulizija u qed jinvestigaw is-serqa.
F’Settembru li għadda, persuna jew persuni rnexxielhom jidħlu fil-knisja ta’ Raħal Ġdid u serqu diversi kaxex tad-donazzjonijiet.
Din is-sena wkoll kienu nsterqu għadd ta’ oġġetti mill-Knisja ta’ Bormla u f’Ottubru li għadda ħallelin serqu wkoll mill-Knisja Arċipretali taż-Żejtun.
Saret ukoll serqa żgħira mid-dar parrokjali ta’ Birżebbuġa.
Ftit jiem ilu, impjegat tal-Parroċċa tal-Isla spiċċa mhedded b'turnavit f'attentat ta' serqa.