Serqa LM1 miljun: Il-Fulu jinħeles mill-akkużi

Wieħed mill-akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia inħeles minn kull akkuża ta’ involviment ta’ serq aggravat ta miljun lira bl-użu ta’ arma tan-nar minn vann tal-Group 4 lura fis-sena 2000.

Alfred Degiorgio, magħruf bħala l-Fulu, inħeles mill-akkużi wara li appella s-sentenza li nqatgħet kontrih fejn kien ingħata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Degiorgio kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ Mario Cutajar u Emanuel Formosa, dwar allegat involviment fis-serqa li seħħet fis-26 ta’ Ottubru fi Triq il-Kanun f’Santa Venera fejn kienu nsterqu miljun lira, ekwivalenti għal €2.33 miljuni. Formosa kien qed isuq il-vann tal-Group 4 meta seħħ il-holdup. Hu kien inħeles mill-akkużi s-sena l-oħra.

Il-flus kienu nstabu mill-Pulizija fid-dar ta’ Mario Cutajar, f’boroż tal-plastik u moħbijin taħt saqqu. Cutajar kien wieġeb ħati li kien ġarr oġġetti misruqa u kien ingħata sentenza sospiża. Intant, Degiorgio kien instab ħati wkoll li kien ġarr oġġetti misruqa minħabba li instabet marka ta’ saba’ fuq borża waħda. Għall-Qorti din kienet dehret bħala raġuni valida biżżejjed biex Degiorgio jinstab ħati b’kompliċita.

Intant, il-Qorti tal-Appell ipperseduta mill-Imħallef Edwina Grima sabet difett proċedurali. Spjegat li fl-akkużi oriġinali, il-Qorti kienet akkużat lil Mario Cutajar biss li kellu x’jaqsam ma’ propjetà misruqa. Spjegat li Degiorgio qatt ma kellu jinstab ħati ta’ offiża li ma kienx qed jiġi prosegwit għaliha u li ma kienx hemm kumpilazzjoni. Spjegat ukoll li l-każ fil-konfront ta’ Degiorgio kien ibbażat fuq marka tas-swaba solitarja fuq borża waħda, li kien l-unika tip ta’ evidenza li ġiet ippreżentata fil-konfront tiegħu. L-Imħallef Grima spjegat li qatt ma kien ġie konkluż jew Degiorgio kienx mess il-borża qabel jew wara li seħħet is-serqa.