2 irġiel jiċħdu li wettqu serqa ta’ €60,000 minn safe

Aġġornat 11:53 AM

Read in English.

Il-Ġimgħa filgħodu l-pulizija ġew infurmati li seħħet serqa kbira f’dar residenzjali fis-Swieqi. Il-ħallelin fetħu safe li fih kien hemm eluf ta’ ewro f’ġojjellerija. Fil-qorti huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi u qed jinżammu arrestati.

Il-pulizija ġew infurmati bil-każ għall-ħabta tal-10am. Din is-serqa seħħet fi Triq il-Kwartin fis-Swieqi.  Fi stqarrija l-pulizija spjegat li skont l-investigazzjonijiet li għamlu, il-ħallelin ħarbu minn fuq il-post pemezz ta’ vann tal-għamla Ford Transit.

Il-Pulizija spjegat li aktar tard il-pulizija wasslitilha informazzjoni li żewġ persuni marru f’ħanut tal-ġojjellerija jippruvaw ibigħu xi oġġetti tad-deheb li allegatament kienu fost dawk misruqa mir-residenza tas-Swieqi. Il-Pulizija elevat filmati minn kameras tas-sigurtà u minnufih inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tagħhom.

Il-Ġimgħa filgħaxija l-Pulizija rnexxielha tarresta raġel ta’ 27 sena residenti l-Ħamrun. Quddiem ir-residenza tiegħu instab il-vann li ntuża fis-serqa. Mit-tfittxjijiet li saru fil-vann instabu oġġetti li allegatament intużaw fis-serqa. L-investigazzjonijiet tkomplew u s-Sibt filgħodu ġie arrestat raġel ta’ 27 sena mill-Belt Valletta. Huwa ġie arrestat f’Ħaż-Żebbuġ.

Fil-qorti

Iż-żewġ persuni tressqu l-qorti llum għall-ħabta ta’ nofsinhar quddiem il-Maġistrat Dr Gabriella Vella. Fil-qorti, iż-żewġ irġiel wieġbu mhux ħatja. Ir-raġel residenti l-Ħamrun ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest fi tliet każijiet.

It-talba tagħhom li jinħelsu ġiet miċħuda. L-Ispettur Roderick Attard qal lill-Qorti li allegat kompliċi ieħor ġie arrestat.