Serqa b’arma ta-nar; “martu marida; għandu l-vizzju tad-droga”

Raġel li għandu l-problema tad-droga u martu marida tressaq il-Qorti llum akkużat li nhar is-Sibt li għadda wettaq serqa f’Santa Venera bl-użu ta’ arma tan-nar.

Ir-raġel li għandu 46 sena u joqgħod Birżebbugia tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit akkużat b’serq aggravat kemm fuq valur u anke vjolenza, arrest illegali, l-użu ta’ arma tan-nar waqt it-twettieq ta’ att kriminali, li ġarr arma tan-nar fil-pubbliku mingħajr liċenzja, li wettaq dannu u li nstab riċediv. Ir-raġel wieġeb mhux ħati.

L-avukat tad-difiża spjega li mart l-akkużat kienet ilha marida serjament għal snin twal u kienu dawn iċ-ċirkustanzi li wassluh għal dan il-każ tal-lum. Madanakollu l-prosekuzzjoni sostniet li kien għad hemm numru ta; xhieda li kienu għadhom ma tkellmux fil-Qorti u li l-indirizz tad-djar tagħhom kienu magħrufa mill-akkużat. Il-Qorti ġiet mgħarrfa wkoll li r-raġel għandu bżonn l-għajnuna għall-problema tad-droga.

Il-Qorti rrifjutat il-ħelsien mill-arrest.