Serq ta’ evidenza; Delia jitlob għar-riżenja tal-Kummissarju

Adrian Delia insista li l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar għandu jirreżenja ġaladarba qiegħda tgħib daqshekk evidenza utli f’każijiet tal-Qorti mill-Qorti stess jew mill-għases.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Malta teħtieġ Kummissarju li jġib rispett, u mhux wieħed taż-żuffjett.

Huwa saħaq fuq in-nuqqas ta’ ġustizzja u l-attitudni ta’ indifferenza fil-konfront tas-serq mill-għases u t-tbagħbis tal-evidenza fil-Qorti. Delia indirizza l-“kultura tax-xejn mhu xejn,” li skontu, qed tirrenja fil-gżejjer Maltin.

Waqt intervista fuq l-istazzjon tat-televixin tal-PN, il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa kif is-soċjetà tista’ tafda lil dawk li suppost iħarsuha meta dawn lanqas biss ikunu fl-għases fejn suppost ikunu stazzjonati. Dan wara s-serqa ta’ arloġġi u affarijiet oħra ta’ valur mill-għassa ta’ Tas-Sliema nhar il-Ġimgħa li għadda. Delia semma wkoll it-tbagħbis ta’ droga li kienet evidenza fil-Qorti, li kienet irrappurtata fil-midja fil-ġimgħat li għaddew.

Delia sostna li xi ħadd jeħtieġ li jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dawn in-nuqqasijiet fil-ġustizzja, u semma l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, il-Ministeru u l-Kummissarju tal-Pulizija bħala ewlenin fost dawk li jridu jwieġbu għal dawn in-nuqqasijiet.

Il-Partit Laburista jwieġeb

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li waqt din l-intervista, Delia rrepeta fatti żbaljati. Il-PL wera l-fehma li Delia jrid iġiegħel lin-nies jemmnu li hawn kriżi tal-ġustizzja f’Malta.

F’konferenza tal-aħbarijiet, l-MP Rosianne Cutajar qalet li Delia jibqa’ jinsisti fuq l-għajbien tal-evidenza, minkejja li ħareġ illi f’każ minnhom, l-evidenza kienet immarkata ħażin, u mhux intilfet.

Il-Partit Nazzjonalista jirribatti

Il-Partit Nazzjonalista wieġeb li l-Gvern ġie fi kliemu, li l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qegħdin ifarfru mir-responsabbiltà tagħhom, u qabbdu lil żewġ backbenchers, il-Membri Parlamentari Rosianne Cutajar u Alex Muscat, biex jitkellmu għalihom.