Serq Raħal Ġdid u Fgura: Akkużata li serqet flus u deheb

Mara ta’ 49 sena mill-Belt Valletta qed tiġi akkużata li serqet kartiera minn dar f’Raħal Ġdid fit-18 t’Awwissu li għadda, hija qed tiġi akkużata wkoll li serqet baskett żgħir minn dar oħra fl-istess lokalità.

Il-mara qed tiġi akkużata li f’Ġunju li għadda serqet €120 minn dar f’Raħal Ġdid u fit-3 t’Awwissu serqet xi deheb minn dar oħra fl-istess raħal. Fit-2 t’Awwissu l-akkużata allegatament serqet mowbajl mill-Fgura.

L-akkużata li fil-passat tressqet il-Qorti fuq serq, kienet akkużata wkoll b’serq aggravat bi vjolenza u li kienet reċediva.

Għall-akkużi miġjuba kontriha l-mara wieġbet li mhux ħatja madankollu l-avukat tad-difiża ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.