Serq minn supermarkets f’Għawdex; 2 arrestati

Żewġt irġiel tressqu taħt arrest ġewwa l-Qorti ta’ Għawdex wara li wettqu żewġ serqiet minn supermarkets f’Għawdex.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li ż-żewġ Serbi ta’ 25 u 32 sena qed jiġu akkużati b’serqiet li seħħew bejn l-1 u t-3 ta’ Settembru minn supermarket fir-Rabat. Huma serqu diversi oġġetti tal-ikel u x-xorb li l-valur tagħhom jaqbeż il-€200. Minn supermarket ieħor huma serqu diversi fliexken ta’ xorb alkoħoliku, li l-valur tagħhom jaqbeż ukoll il-€200.

Iż-żewġ akkużati ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom u ngħataw sentenza ta’ sena ħabs sospiżi għal sentejn. Instab ukoll li kienu Malta illegalment u għalhekk se jiġu deportati.