Serq djar: L-aktar vittmi waranofsinhar – il-Pulizija

Arkivji

Il-Pulizija qalet li l-aktar rapporti dwar serq f’residenzi jidħlu waranofsinhar. Instab ukoll li dawn il-postijiet is-soltu ma jkollhomx sistemi ta’ sigurtà.

Kelliema għall-Pulizija qalet lil Newsbook.com.mt li bejn l-1 ta’ Awwissu tal-2018 u l-31 ta’ Awwissu 2019 kien hemm 923 serqiet minn residenzi.

Fl-istess perjodu, l-aktar rapporti (429) saru waranofsinhar sat-8pm, it-tieni l-aktar (304) mis-6.01am sa’ nofsinhar, u l-inqas (190) filgħaxija wara t-8pm sas-6am.

Skont il-Pulizija, fil-maġġoranza tal-każijiet il-bieb ta’ quddiem jiġi sgassat. F’każ ta’ appartamenti, normalment il-bieb komuni jinstab miftuħ u l-bieb tal-appartament jiġi sgassat.

Is-soltu ma jkunx hemm CCTV jew allarm – il-Pulizija

Il-kelliema qalet li “kważi fil-każijiet kollha ta’ serq minn residenzi, dawn ma jkollhom l-ebda sistema tas-sigurtà bħal CCTV jew sistema tal-allarm.”

Skont informazzjoni mogħtija fil-Parlament, kien hemm mijiet ta’ serqiet bejn l-2013 u l-2017. L-aktar serqiet minn residenzi saru minn residenzi okkupati (2,389). Kien hemm 383 serqa minn residenzi vojta u 606 serqa min-naħa ta’ barra ta’ residenzi.

Kemm kien hemm serqiet minn residenzi b’kollox?

2013: 777
2014: 932
2015: 712
2016: 772
2017 (Jannar sa Marzu): 185

F’Lulju li għadda, Newsbook.com.mt ippubblika 10 żbalji komuni li wieħed jista’ jevita bil-għan li jnaqqas ir-riskju tas-serq.

Serq djar: 7 żbalji li trid tevita għas-sigurtà

F’Ġunju tal-2018, il-Korp tal-Pulizija kien avża lill-pubbliku biex jaħsibha darbtejn dwar x’tip ta’ informazzjoni jitfa’ fuq il-mezzi soċjali. Per eżempju jekk wieħed jiżvela li jkun se jsiefer, ħallelin ikunu jafu li d-dar ta’ dak li jkun aktarx ma tkunx okkupata.

Filmat: The Malta Police Force

Minn informazzjoni mill-Parlament ħareġ li bejn Jannar 2017 u Awwissu 2017 kien hemm 5,404 rapporti ta’ serq. L-aktar rapporti (861) saru f’San Ġiljan. L-inqas rapporti saru fil-Fontana fejn sar rapport wieħed. Fil-Belt Valletta kien hemm 374 rapporti filwaqt li f’San Pawl il-Baħar kien hemm 399. Fir-Rabat Għawdex saru 31 rapport.

Minn informazzjoni mill-Parlament instab li mill-2013 sa Lulju tal-2017 kienu rrappurtati 36,624 każ ta’ serq. Minn dawn, il-pickpocketing kien l-aktar tip ta’ serq popolari f’Malta b’7,614-il każ.

Il-pickpocketing l-aktar serq popolari f’Malta

Tip ieħor ta’ serq

Fl-2017, kien hemm 12-il rapport ta’ serq minn knejjes. Fl-istess sena, l-Bicycling Adovcacy Group (BAG) qalet li qed tinsteraq rota kważi kuljum.

​12-il rapport ta’ serq minn knejjes fl-2017

“Qed tinsteraq rota kważi kuljum”; Il-Kummissarju mitlub jinvestiga

Lura fl-2014, il-Partit Nazzjonalista kien qal li jinsab imħasseb dwar iż-żieda sostanzjali fil-kriminalità u s-serq mid-djar b’mod speċjali fiż-żoni ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan. L-MP tal-PN Jason Azzopardi kien qal li dan huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ pulizija fit-toroq Maltin u Għawdxin, u ta’ numru kbir ta’ transfers li saru fil-Korp tal-Pulizija.

Iż-żieda fis-serq hi dovuta għat-tnaqqis fit-taħriġ tal-pulizija – PN

F’Settembru tal-2018, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li r-rata tal-kriminalità f’Malta qed tonqos minkejja li qed tiżdied il-popolazzjoni.

“Il-kriminalità f’Malta qed tonqos” – Ministru Farrugia