Serp jibla’ xugaman sħiħ

Monty, serp python, ma tantx jidher li jinkwieta x’jibla’ mnejn jkollu aptit xi ħaġa. Dan is-serp, li hu pet ta’ koppja fl-Awstralja, din il-ġimgħa ttieħed għand il-vet għax deher li kien qed ibati. Meta eżaminawh sabu li kien bela’ xugaman sħiħ.

Is-serp, li għandu 18-il sena, għandu tul ta’ tliet metri. It-tul kollu ta’ ġismu kien okkupat minn xugaman kbir. Il-vet l-ewwel taqqbitu biex traqqdu sakemm setgħet indaħħallu apparat mediku fi griżmejh biex tiġbidlu l-biċċa drapp li kien bela’.

L-istaff tas-Small Animal Specialist Hospital f’Sydney iffilmjaw il-proċess kollu tal-proċedura li kienet suċċess u dehru ferħana li t-tmiem tal-ġrajja ta’ Monty ntemmet b’wiċċ il-ġid.

Kelliem għall-isptar tal-annimali qalet li Monty nħareġ mill-isptar dakinhar stess u s-sidien tiegħu qalu li s-serp malajr beda jibla’ kulma jsib meta ħaduh id-dar. Imma bħala prekawzjoni ħbew ix-xugamani minn quddiemu.