Serje ta’ podcast ġdid mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Read in English.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħabbar it-tnedija ta’ Kwarta Ktieb, podcast letterarju ġdid b’qari minn uħud mill-aktar kotba maħbubin f’Malta.

Mil-lum tista’ tisma’ qari ta’ 15-il minuta ta’ siltiet minn rumanzi, novelli u poeżiji ppubblikati lokalment, moqrija minn firxa ta’ awturi u personalitajiet attivi fis-settur tal-arti.

F’din l-ewwel serje tħejjew antoloġija ta’ qari minn xogħlijiet letterarji varji li jkopru kważi seklu ta’ letteratura Maltija, fosthom kitbiet klassiċi bħas-satira soċjopolitika Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo, poeżiji ta’ Doreen Micallef, u kotba li kisru r-rekords tal-bejgħ f’dawn l-aħħar għaxar snin, fosthom What Happens in Brussels Stays in Brussels ta’ Ġużè Stagno, u l-ktieb rebbieħ ta’ diversi premji letterarji ta’ Immanuel Mifsud, Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben).

Kull episodju huwa maħsub biex jipprovdi lis-semmiegħa bi skoperti ġodda jew li jittrasporta lill-qarrejja lura lejn id-dinjiet favoriti tagħhom permezz tal-ilħna tal-qarrejja mistiedna fosthom dawk ta’ Antonella Axisa, Loranne Vella, Kenneth Scicluna u Mikhail Basmadjian.

Kwarta Ktieb hija l-aħħar inizjattiva mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb immirata biex tkompli tippromwovi l-letteratura Maltija ma’ udjenzi lokali.

Din l-informazzjoni twasslet mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.