Sergei Skripal: Ir-Russja tirritalja tali kwali u tkeċċi 60 diplomatiku Amerikan

Ir-Russja żammet kelmtha u keċċiet 60 diplomatiku Amerikan mill-konsulat ta’ San Pitruburgu minħabba l-azzjonijiet li ttieħdu kontriha wara l-avvelenament ta’ eksspija Russu fir-Renju Unit.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja, Sergey Lavrov, kien diġà qal li r-Russja kienet se twieġeb bl-istess mod għat-tkeċċija ta’ diversi diplomatiċi Russi l-ewwel mir-Renju Unit imbagħad mill-Istati Uniti.
Mal-20 pajjiż ieħor, inkluż mill-Unjoni Ewropea, keċċew id-diplomatiċi Russi minn pajjiżhom, filwaqt li l-Gvern Malti sejjaħ lura lill-Ambaxxatur Malti fir-Russja, Carmel Brincat, għal konsultazzjonijiet politiċi.
Sergei u bintu Yulia Skripal instabu mitlufin minn sensihom f’Salisbury fl-4 ta’ Marzu li għaddew, wara li ġew f’kuntatt ma’ kimika organika li jkun fiha l-fosfru, li l-effett tagħha hu li tipparalizzalek in-nervituri li jgħaddu l-messaġġi lill-organi fil-ġisem.
Minn dakinhar huma għadhom l-isptar f’kundizzjoni serja, u r-Renju Unit qed iwaħħal fir-Russja li ppruvat toqtol lil dan l-eksspija. Ma’ dawn l-allegazzjonijiet ingħaqdu wkoll bosta pajjiżi oħra, anki Malta.
Madankollu r-Russja dejjem ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet.
Sadanittant, fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja, intqal li l-mossa tal-Istati Uniti li ssegwi lir-Renju Unit kompliet tgħarraq ir-relazzjoni mar-Russja.
Mis-60 persuna li tkeċċew mir-Russja bil-familji tagħhom b’kollox, 58 kienu stazzjonati f’Moska, u 2 f’Yekaterinburg. Dawn kollha pew meqjusa bħala persona non grata.
Ir-Russja qiegħda wkoll tfittex li jkollha laqgħat mal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi (OPCW), l-organizzazzjoni li sippost ir-Renju Unit ikkonsulta sabiex jiġu stabbiliti l-fatti dwar minn fejn oriġinat is-sustanza li intużat fuq Skripal.
Fir-ritratt: Sergei Skripal u bintu, Yulia Skripal