Sergei Skripal: Ir-Renju Unit ikeċċi 23 diplomatiku Russu

Ir-Renju Unit se jkeċċi 23 diplomatiku Russu wara li r-Russja naqset milli tispjega għala kimika magħmula fir-Russja intużat biex tipprova toqtol lill-eksspija Russu, Sergei Skripal.
Il-Prim Ministru Brittaniku, Theresa May, qalet fil-Parlament illum li dawn id-diplomatiċi għandhom ġimgħa biex iħallu lir-Renju Unit, għax ġew identifikati bħala uffiċjali tal-intelliġenza mhux iddikjarati.
Barra minn hekk, irtirat stedina lill-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, u sostniet li l-Familja Rjali mhix se tattendi għat-Tazz tad-Dinja li se ssir fir-Russja jekk l-affarijiet jibqgħu hekk.
Sergei u bintu Yulia Skripal instabu mitlufin minn sensihom f’Salisbury fl-4 ta’ Marzu li għaddew, wara li ġew f’kuntatt ma’ kimika organika li jkun fiha l-fosfru, li l-effett tagħha hu li tipparalizzalek in-nervituri li jgħaddu l-messaġġi lill-organi fil-ġisem.
Minn dakinhar huma għadhom l-isptar f’kundizzjoni serja, u r-Renju Unit qed iwaħħal fir-Russja li ppruvat toqtol lil dan l-eksspija.
Madankollu r-Russja dejjem ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet.
L-Ambaxxata Russa fir-Renju Unit qalet li din hi deċiżjoni mhux ġustifikata, li tħares biss sa mneħirha, u inaċċettabbli.
Dan huws t-tieni l-akbar tkeċċija ta’ diplomatiċi Russi mir-Renju Unit, wara l-31 li tkeċċew fl-1985 wara li l-aġent Oleg Gordievsky ħarab lejn ir-Renju Unit.
May kienet tat sa nofsillejl ta’ lbieraħ biex ir-Russja tikkollabora magħha, u fost affarijiet oħra li May heddet li tagħmel huma dawn:

  • Iżjed spezzjonijiet fuq titjiriet privati minn u lejn ir-Russja
  • L-iffriżar ta’ assi statali Russi li jistgħu jintużaw biex jheddu lill-Brittaniċi
  • L-ibbojkottjar tal-Ministri u l-Familja Rjali tat-Tazza tad-Dinja
  • Is-sospensjoni ta’ kull laqgħa għolja bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi
  • Pjanijiet ġodda biex tiżdied id-difiża kontra ativita statali ostili

Il-Gvern Malti jappoġġja lir-Renju Unit
Intant, il-Gvern Malti esprima solidarjetà mal-Gvern u l-poplu fir-Renju Unit. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Malti qal fi stqarrija, li jappoġġja bil-qawwa kollha l-impenn tar-Renju Unit biex jassigura li ssir investigazzjoni u ssir ġustizzja.