Serduk rebaħ kawża fil-qorti Franċiża

Serduk fil-belt Franċiża ta’ Rochefort rebaħ kawża l-qorti lil raġel li pprova jsikktu milli jidden kull filgħodu.

Kollox beda meta Jean-Louis Biron xtara dar għall-villeġġjatura fil-kampanja. Iżda sab li ta’ kull filgħodu fl-erbgħa u nofs, Maurice, is-serduk ta’ erba’ snin, jibda jidden u jibqa’ sejjer jidden matul il-ġurnata sa wara nofsinhar. Dan il-‘kant’ ta’ Maurice dejqu u talab lis-sidien tal-għasfur bies isikktuh.

Is-serduk Maurice ma’ sidtu Corinne Fesseau

Iżda Corinne u Jacky Fesseau, is-sidien is-serduk, ma ridux ineħħuh u l-battalja ta’ sentejn bejn Jean-Louis Biron u s-sidien tas-serduk kibret u spiċċat fil-qorti wara li tqanfdu sew bejniethom.

Appoġġ għal Maurice qabel iddaħħal il-qorti

Il-ġlieda dwar is-serduk ġibdet l-attenzjoni tal-poplu Franċiż u l-każ kien rappurtat fil-gazzetti nazzjonali, saru t-shirts ta’ appoġġ għal Maurice u s-sidien tiegħu rċevew bosta ittri ta’ kuraġġ minn ħafna pajjiżi, fosthom anki mill-Istati Uniti.

Ritratt: Xavier Leoty

Corinne Fesseau saħqet li ma kinetx se tħalli lil xi ħadd jagħmilha ta’ bully magħha.

Maurice jiddaħħal fl-awla tal-qorti

“Il-kampanja għandha tibqa’ kif inhi u m’hemm ħadd li għandu l-jedd li jsikket il-ħsejjes tal-kampanja,” qalet waqt li mellset lil Maurice li issa jista’ jkompli jidden  kull filgħodu bħalma għamel f’dawn l-aħħar snin.

L-avukat fil-każ tmelles lil Maurice

Dan l-aħħar żmien fi Franza kien hemm bosta każi fejn nies li minn belt marru jgħixu fil-kampanja bdew igorru mal-awtoritajiet dwar il-ħsejjes li jisimgħu. F’Mejju li għadda, is-Sindku Bruno Dionis tar-raħal ta’ Gajac, kiteb ittra mqanqla fil-ġurnali Franċiżi fejn iddefenda l-jedd tal-knejjes li jdoqqu l-qniepen, li l-baqar ikomplu jgħajtu l-għajta tagħhom u l-ħmir ikomplu bin-naħqat li jagħmlu.