Aġġornata: Serbut ta’ karozzi jikkjuwjaw għall-vapur fiċ-Ċirkewwa

Is-sitwazzjoni jidher li reġgħet lura għan-normal għal ħabta tat-3.30pm.
Aktar kmieni:
It-toroq fiċ-Ċirkewwa jinsabu ppakkjati b’ħafna karozzi wara li l-ġurnata sabiħa tal-lum ħeġġet aktar Maltin biex iqattgħu l-aħħar jiem ta’ vaganzi fil-gżira Għawdxija.
Il-kju tal-karozzi wasal sa ħdejn il-lukandi fil-Marfa.
Uħud li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu, il-vapuri tal-Gozo Channel ħadmu b’mod normali u b’hekk ma setgħux ilaħħqu mad-domanda.
Iktar tard, il-Gozo Channel qalet li qed topera b’servizz shuttle fejn it-tliet vapuri tagħha qed jaħdmu l-ħin kollu sakemm il-kju tal-karozzi li nġemgħu fiċ-Ċirkewwa jerġa’ jiġi lura għan-normal.
F'xi ħinijiet, ir-rampa tal-passiġġieri lanqas infetħet u l-passiġġieri telgħu fuq il-vapur mir-rampa tal-karozzi.
Huwa mistenni li għada wara nofsinhar jerġa’ jkun hemm l-istess problema, din id-darba min-naħa tal-Imġarr f’Għawdex, hekk kif numru ta’ Maltin itemmu l-vaganzi tagħhom u jirritornaw lura Malta.