Serbja jtemmu t-taħriġ b’rebħa

Aleksandar Mitrovic skorja tripletta fl-aħħar logħba ta’ ħbiberija tas-Serbja qabel ma jibda l-kampjonat tat-Tazza tad-Dinja.
L-attakkant Adam Ljajic u d-difensur Branislav Ivanovic skurjaw ukoll fir-rebħa ta’ 5-1 fuq il-Bolivja li ħallit lis-Serbja tittamma f’bidu b’riżultati pożittivi fir-Russja. Wara li nhar il-Ħadd l-għadda sofrew telfa ta’ 1-0 kontra ċ-Ċile, il-plejers Serbjani kellhom wirja dominanti fuq il-Bolivja fejn urew li jistgħu jkollhom prestazzjonijiet tajbin fi grupp li jinkludi lill-Brażil, Żvizzera u Kosta Rika.
L-attakkant ta’ Newcastle, li lagħab għal Fulham fit-tieni parti tal-istaġun, skorja żewġ gowls fl-ewwel taqsima u ieħor fit-tieni sabiex ġie magħżul bħala l-aqwa plejer tal-partita.
L-iskwadra mmexxija minn Mladen Krstajic għandha numru ta’ plejers oħra li jilagħbu f’uħud mill-aqwa timijiet fl-Ewropa, fosthom Nemanja Matic ta’ Manchester United, Aleksandar Kolarov ta’ Roma u SergejMilinkovic-Savic ta’ Lazio.