Serata speċjali flok il-finali tal-Eurovision

L-EBU flimkien mal-istazzjonijiet li kienu se jorganizzaw il-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest ħarġu b’kunċett biex xorta waħda jgħaqdu l-Ewropa s-Sibt 16 ta’ Mejju, l-istess jum li kellu jsir il-finali tal-Eurovision Song Contest.

Eurovision Shine A Light huwa l-isem tal-ispettaklu li se jkun qiegħed isir bil-preżetazzjoni ta’ Edsilia Rombley li ħadet sehem fl-edizzjonijiet tal-1998 u l-2007 flimkien ma’ Chantal Janzen u Jan Smit, żewġ personalitajiet magħrufa fin-Netherlands.

F’din is-serata se jiġu onorati l-41 kanzunetta li kellhom jieħdu sehem f’din l-edizzjoni inkluża All of My Love interpretata minn Destiny Chukunyere, rebbieħa tat-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta.

Il-kanzunetti se jitwasslu f’xandira minn kull pajjiżi parteċipant, iżda però mhux se jkun hemm l-element ta’ kompetizzjoni bħal ma jsir is-soltu.

Mhux biss iżda l-ispettaklu li se jkun qed jixxandar se juri lill-istess parteċipanti b’wirja ta’ kanzunetta mill-imgħoddi tal-Eurovision Song Contest. Dan se jkun qiegħed isir ma’ unifikazzjoni ta’ lirika marbuta ma’ dak li għaddej madwar id-dinja bħalissa.

L-EBU se tkun qed tħabbar aktar informazzjoni dwar dan l-ispettaklu fiż-żmien li ġej hekk kif ukoll ħafna pajjiżi diġà kkonfermaw li l-artisti li kellhom jieħdu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena u li se jkunu qed jieħdu sehem fl-ispettaklu mhux kompetittiv, se jkunu qed jirrappreżentawhom fl-edizzjoni li mistennija ssir fis-sena d-dieħla.

Iżda għalissa nfakkrukom li Eurovision: Shine A Light se jkun appuntament s-Sibt 16 ta’ Mejju fid-9pm.

Apparti li se jitwassal fuq l-istazzjonijiet nazzjonali, dan l-ispettaklu se jkun mxandar dirett fuq il-YouTube Channel tal-Eurovision.