Seraq xafra ta’ €7; 8 xhur ħabs

Raġel weħel sentenza ta’ 8 xhur ħabs talli seraq xafra.

Il-Bulgaru ta’ 30 sena qal li hu ħati li seraq xafra minn stabbiliment f’Ħal Qormi. Ammetta wkoll li m’għandux stabbiltà f’ħajtu u li kiser sentenza sospiża.

Fil-Qorti, huwa pprotesta li m’għandux jintbagħat il-ħabs talli seraq biss xafra tal-leħja li tiswa €7, u li ħallas għaliha wara li nqabad.

Madankollu, il-Qorti ħasbitha mod ieħor peress li huwa għamel dan ir-reat fil-perjodu ta’ sentenza sospiża.

Il-Maġistrat Monica Vella tatu sentenza ta’ xahrejn ħabs għas-serqa, u magħhom żdiedu s-sitt xhur sentenza sospiża li kellu minn qabel, għalhekk issa se jservi sentenza ta’ 8 xhur ħabs.