Jinżamm arrestat ir-raġel li seraq anzjan fil-Ħamrun

Aġġornat 05:10 PM

Raġel ta’ 46 sena residenti l-Imsida nżamm arrestat wara li quddiem il-Maġistrat Nadine Lia ġie mixli li ħebb għall-anzjan ta’ 95 sena u seraqlu €900. Allegatament l-inċident seħħ fi Triq Qrejten il-Ħamrun fit-18 ta’ Ottubru li għadda. Ir-raġel ġie arrestat l-Erbgħa u tressaq il-Qorti llum.

Fil-Qorti l-Ispettur Jeffrey Scicluna spjega li l-akkużat ħabbat il-bieb tar-residenza u preżenta ruħu bħala persuna inkarigata tiġbor xi flus għal xi qassis. Huwa daħal ġewwa u kif l-anzjan kien qed itih il-flus, ħataflu l-basket u ħarab. Ir-raġel allegatament seraq madwar €900 fi flus kontanti lill-anzjan.

Il-pulizija kompliet tispjega li huma waslu biex jidentifikaw lir-raġel mill-filamti tas-CCTV u rnexxielhom jarrestaw lir-raġel wara li sejħulu l-għassa tal-pulizija tal-Imsida b’rabta ma’ każ ieħor.

Wara tfittxija li saret fil-kamra ta’ guesthouse tar-raġel, il-pulizija sabet il-ħwejjeġ li huma identiċi għal dawk li kien liebes il-ħalliel fil-filmati tas-CCTV.

Ir-raġel li qiegħed jiġi mixli wkoll li żamm lill-anzjan kontra l-volontà tiegħu u li huwa reċediv wieġeb mhux ħati għall-akkużi kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan u qalet li fadal persuni pajżana li għadhom iridu jixhdu kif ukoll l-allegat vittma.

Il-prodekuzzjoni qalet li r-raġel m’għandux xogħol u m’għandux residenza fissa. Min-naħa tiegħu l-avukar difensur qal li apparti l-allegat vittma, ix-xhieda l-oħra għadhom ma ġewx identifikati.

Min-naħa tagħha l-Maġistrat Nadine Lia ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.