Seraq minn ħanut fl-Ajruport; sentenza sospiża

Raġel ta’ 23 sena mill-Alġerija iżda jgħix Ħal Far ammetta li seraq ammont ta’ oġġetti minn ħanut fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

L-Alġerin kien arrestat mill-Pulizija waqt li kien fuq bus stop fil-viċin, ftit tal-ħin wara. L-ammont ta’ oġġetti misruqa kien jammonta għal ftit inqas minn €300.

Fil-Qorti r-raġel qal li għalkemm ta stqarrija bil-Malti, huwa ma jifhimx il-lingwa. Meta mistqosi kif għamel dan l-akkużat qal li fehem xi kliem bil-Malti li huma simili għall-Għarbi. Żied li huwa jifhem l-Ingliż u għalhekk il-Qorti ddeċidiet li l-kawża ssir bl-Ingliż.

Il-prosekuzzjoni akkużat lir-raġel li seraq numru ta’ oġġetti minn ħanut fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kif ukol li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u kiser il-paċi pubblika. L-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih anke wara li kien imwissi u ngħata ċans biex jerġa’ jaħsibha.

Il-prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li r-raġel ħallas għall-oġġetti li seraq madankollu huwa ikkommetta reat ftit xhur biss wara li ħareġ miċ-ċentru ta’ ditenzjoni. L-Ispettur kompla li r-raġel abbuża mill-ġenerożità tal-Maltin wara li laqgħuh.

L-avukat tad-difiża qal li r-raġel wasal Malta fuq dgħajsa ftit tax-xhur ilu u kien qed joqgħod Ħal Far. L-avukat enfasizza li minkejja li l-akkużat għamel ir-reat, huwa ammetta mill-ewwel.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat sabet lill-Alġerin ħati u kkundannatu għal 20 xahar ħabs sospiżi bi tliet snin.