Seraq minn 4 dgħajjes; inżamm arrestat

Google Maps

Raġel ta’ 27 sena baqa’ jinżamm arrestat b’rabta ma’ numru ta’ serqiet minn fuq dgħajjes f’Bormla.

Ir-raġel li huwa ta’ nazzjonalità Libjana mingħajr indirizz fiss deher illum quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella.

Is-serqiet saru fix-xhur ta’ Diċembru u Jannar ta’ din is-sena.

Ir-raġel ġie akkużat b’erba’ akkużi ta’ serq minn fuq erba’ dgħajjes u ħsara volontarja fuq tliet dgħajjes. Huwa ġie akkużat ukoll li rrenda ruħu riċediv. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.

Fil-Qorti ħareġ li r-raġel għandu problema ta’ droga, iżda lest li jsegwi l-programm biex jirrijabilita ruħu.

L-avukat Lennox Vella li deher għall-akkużat ma għamilx talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-Ispetturi Mario Xiberras u Oriana Spiteri mexxew il-prosekuzzjoni.