“Ser ngħinu lil Neymar jirbaħ il-ballun tad-deheb” – Emery

Il-kowċ ta’ Paris St Germain, Unai Emery, saħaq illi flimkien mal-klabb li jmexxi ser jagħmlu dak kollu possibli sabiex il-ġojjell tagħhom Neymar jirbaħ il-ballun tad-deheb, u b’hekk jissupera lill-ekskollega f’Barċellona, Lionel Messi.
Wara li xtraw lill-istilla Brażiljana għas-somma rekord ta’ €222 miljun, Emery jittama li l-plejer jkompli juri l-aqwa tiegħu mal-Pariġini ħalli jieħu dan l-unur tant prestiġjuż.
Neymar diġà skorja sitt gowls f’sitt partiti li lagħab magħhom u mistenni jkun il-protagonista prinċipali matul dan l-istaġun.