Sentenzi ta’ vjolenza domestika mhux ħarxa biżżejjed – NGOs

Numru ta’ għaqdiet non-governattivi ħarġu stqarrija kontra s-sentenza li nqatgħet ilbieraħ f’każ ta’ vjolenza domestika, fejn l-aggressur jeħtieġlu jħallas multa u l-ispejjeż legali għall-ħsara li għamel.

L-istqarrija tgħid li jħossu li din is-sentenza twassal messaġġ lill-aggressuri li jistgħu jwettqu reat ta’ vjolenza domestika mingħajr ma jħallsu ta’ dak li għamlu.

L-għaqdiet urew it-tħassib tagħhom dwar dan il-każ, peress li l-vjolenza domestika hija ex-officio u ilha hekk mill-2006. Huma fakkru fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul ta’ Mejju li għadda, li wkoll fittxet li tipproteġi lil dawk vulnerabbli, imma skont dawn l-għaqdiet, l-awtoritajiet qegħdin jinjorawh dan l-irwol tagħhom.

Huma saħqu li s-sentenza li nqatgħet mhux biss ma timxix mal-liġi, imma tmur kontra d-drittijiet tal-mara peress li din il-vjolenza, skonthom, hija bbażata fuq is-sess tal-mara. Barra minn hekk, huma insistew li f’dan il-każ partikolari, intużat arma tan-nar, għalhekk is-sentenza kellha tkun eħrex.

Din l-istqarrija hija ffirmata minn:

Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa
Victim Support Malta
SOAR, St Jeanne Antide Foundation
Men Against Violence
The Good Shepherd Sisters – Dar Merħba Bik Foundation
Programm Sebħ – Dar Qalb ta’ Ġesù
PHROM
Fondazzjoni Aditus
Malta Humanist Association
Lorraine Spiteri
Dr Marcelline Naudi