Sentenza sospiża wara li nqabdet tisraq

Mara mill-Ħamrun ingħatat sentenza sospiża wara li kienet akkużata b’serq minn diversi lokalitajiet.

Il-mara ta’ 39 sena kienet dehret quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea s-Sibt filgħodu akkużata bi tmien serqiet ta’ kartieri u oġġetti oħra minn Santa Venera, Birkirkara u Ħal Qormi fost l-oħrajn.

Il-Qorti semgħet kif il-maġġoranza tas-serqiet seħħew dan ix-xahar. L-avukati difensuri Franco Debono u Amaedeus Cachia qalu li l-mara ammettiet għall-akkużi kollha, filwaqt li stqarret li serqet biex tkun tista’ titma’ lill-erbat itfal tagħha. Id-difiża talbet lill-Qorti biex l-mara tingħata l-għajnuna neċessarja.Il-Prosekuzzjoni qalet li l-mara rritornat l-affarijiet li serqet, inkluż il-kartieri, minbarra l-flus. Madanakollu hija stqarret li lesta tħallas kollox lura.

Il-Qorti ordnat li l-isem l-akkużata ma jixxandarx biex tkun protetta l-identità ta’ wliedha, filwaqt li tatha sentenza ta’ sena ħabs sospiżi għal tliet snin u ordnat li tħallas il-flus kollha li serqet fi żmien sitt xhur.