Sentenza sospiża wara li mexa għarwien u weġġa’ żewġ pulizija

Somalu ta’ 30 sena ngħata sentenza sospiza wara li ammetta li kien qed jiġri għarwien f’San Ġiljan u weġġa’ żewġ pulizija fi Frar li għadda.

Ir-raġel li għandu problemi ta’ saħħa mentali tressaq il-Qorti akkużat li weġġa’ żewġ membri tal-pulizija waqt li kienu qed jaqdu dmirijithom. Huwa kien akkużat ukoll li ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, uża r-reżistenza , kiser il-paċi pubblika u għamel atti indiċenti fil-pubbliku.

L-inċident seħħ fi Frar li għadda iżda r-raġel kien qiegħed jingħata għajnuna psikjatrika u għalhekk ma setax jitressaq il-Qorti qabel.

Min-naħa tagħhom id-difiża ma kkontestatx dan l-arrest u infurmat lill-Qorti li r-raġel ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. Id-difiża talbet lill-Qorti biex ir-raġel jingħata sentenza sospiża.

Il-Qorti sabet lir-raġel ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kkundannat lir-raġel sena ħabs sospiża bi tliet snin kif ukoll multa ta’ €800. Ir-raġel ingħata wkoll ordni ta’ trattament. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur iż-żewġ pulizija involuti f’dan l-inċident.